Publications Office of the EU
About EU web archive - EU Web Archive
Nested Portlets
Dwar l-Arkivju tal-Web tal-UE

Merħba fl-arkivju tal-web tal-UE. Dan l-arkivju jippreżerva l-kontenut u d-disinn tas-siti web tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE (l-istituzzjonijiet tal-UE).

Aktar u aktar informazzjoni tal-UE tinsab biss disponibbli fuq il-web. Madankollu, il-kontenut tal-internet ta’ spiss ikollu ħajja qasira u t-teknoloġiji tal-web jevolvu malajr. Dan ipoġġi l-informazzjoni f’riskju li tintilef meta s-siti web jinbidlu sostanzjalment jew jittieħdu offline.

Biex jiġi evitat dan ir-riskju, fl-2013, l-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea bdew jippreżervaw is-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE u fl-2018, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (OP) ħa f’idejh dan il-kompitu u ħoloq is-servizz tal-arkivju tal-web tal-UE.

Bl-arkivju tal-web tal-UE, l-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet tal-UE fuq is-siti web tagħhom tibqa’ disponibbli, anki jekk is-sit jew il-paġna oriġinali jkunu sparixxew kompletament jew parzjalment.


 


Dwar l-arkivju tal-web tal-UE

Is-siti web arkivjati jinġabru f’kollezzjonijiet. Bħalissa hemm ħames kollezzjonijiet tematiċi disponibbli. Il-prinċipal fosthom, l-Unjoni Ewropea, tiġbor 250 sit web ospitati fuq id-dominju europa.eu. Dawn is-siti web jinqabdu regolarment u l-arkivju juri verżjonijiet differenti ta’ kull sit web bid-dati tal-ħolqien korrispondenti. Billi jibbrawżja l-verżjonijiet arkivjati, l-utent jista’ jara l-kontenut kif kien disponibbli f’data speċifika, u jsegwi l-evoluzzjoni tiegħu maż-żmien. Erba’ kollezzjonijiet oħrajn fihom l-arkivju tal-Brexit, Orizzont 2020, il-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE u l-Pubblikazzjonijiet. Aħna narkivjaw ukoll paġni fuq talba meta s-siti web ikunu se jitneħħew jew jiġu rinnovati. F’dawn il-każijiet, aħna nżommu arkivju finali qabel ma l-kontenut jisparixxi.

Aħna dejjem naqbdu s-siti web fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha disponibbli. Dawn huma xi ċifri statistiċi:

  • 41% tas-siti web arkivjati huma disponibbli biss bl-Ingliż. Tipikament, dawn ikunu paġni b’kontenut li spiss jiġi aġġornat jew li jkollu tul ta’ ħajja qasir.
  • 39% tas-siti arkivjati huma disponibbli b’23 jew b’24 verżjoni lingwistika. Dawn huma siti web iddedikati għal informazzjoni ġenerali li tinkludi dokumenti uffiċjali u politiki tal-UE.
  • 13% tas-siti arkivjati huma disponibbli b’diversi verżjonijiet lingwistiċi. Il-lingwi ta’ ħidma, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, spiss jingħaqdu ma’ verżjonijiet oħrajn, normalment it-Taljan, il-Pollakk u/jew l-Ispanjol.
  • 7% tas-siti arkivjati huma disponibbli b’25 jew b’24 verżjoni lingwistika. Dan iseħħ meta l-kontenut jew l-udjenza fil-mira jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Tipikament, dan jikkonċerna suġġetti bħall-migrazzjoni, il-kultura jew l-ambjent.

L-arkivju jagħti wkoll aċċess għal kollezzjonijiet uniċi, eż. pubblikazzjonijiet fil-format HTML, siti web iddedikati għall-COVID-19 jew siti web maħluqin fil-qafas tal-programmi ta’ riċerka ta’ Orizzont 2020.


Kif tuża l-arkivju tal-web tal-UE

Fittex fl-arkivju tal-web tal-UE permezz ta’ kelma ewlenija waħda jew aktar, jew applika filtri. Kull ġabra fiha lista ta’ links għas-siti arkivjati fiha, irranġati f’ordni alfabetika. Mill-paġna tal-kollezzjoni, tista’ tibbrawżja jew tfittex fis-siti arkivjati.

Meta tikklikkja t-titlu ta’ sit web arkivjat tmur fil-paġna “kalendarju” tas-sit magħżul. Din il-paġna telenka l-verżjonijiet arkivjati, imqassmin f’ordni kronoloġika. Link għall-verżjoni “diretta” disponibbli bħalissa tas-sit web hi inkluża wkoll. Dan jista’ jkun utli, eż., biex tinkiseb informazzjoni ta’ kuntatt aġġornata, peress li d-dettalji fil-kontenut arkivjat jistgħu ma jibqgħux preċiżi. Jekk jogħġbok innota li s-sit web dirett jista’ ma jibqax jeżisti, jew jista’ jkun li ma jkunx ġie aġġornat mill-aħħar data tal-arkivjar.

Asterisk (*) ħdejn id-data tal-qbid jindika li d-dokument inbidel mill-aħħar darba. Jekk ma jkunx hemm asterisk, id-dokument ma jkunx inbidel mill-qbid preċedenti.

Meta tikklikkja data fil-paġna tal-kalendarju se tmur għas-sit web, peress li kien disponibbli fid-data partikolari. Imbagħad tista’ tibbrawżja s-sit daqslikieku kien “dirett”. L-istrixxun fin-naħa ta’ fuq tal-paġna murija jindika d-data u l-ħin tal-qbid tas-sit web.

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: L-għan primarju tal-arkivjar tal-web hu li jsegwi l-evoluzzjoni tas-siti web, joħloq memorja rappreżentattiva ta’ kull wieħed, iżda mhux li jippreżerva l-kontenut f’livell granulari jew li jżomm traċċa ta’ kull bidla li ssir fuq is-siti web.


Drittijiet tal-awtur © Unjoni Ewropea, 2019
Stqarrija ta' privatezza