Publications Office of the EU
Procurement procedures - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
Dockbar
avviżi legali - proċeduri ta’ akkwist

PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Proċeduri ta’ akkwist, eżekuzzjoni ta’ kuntratt u sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess

Kontrollur tad-Data: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”

Referenza tar-rekord: DPR-EC-00496

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw?
  5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
  6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
  7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
  8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
  9. Informazzjoni ta’ kuntatt
  10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar tal-proċeduri tal-Akkwist, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt u s-sejħiet għal espressjoni ta’ interess imwettqa mill-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’l quddiem “l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni”) hi ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Finijiet tal-operazzjoni tal-ipproċessar: l-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex tipproċessa u tevalwa l-applikazzjonijiet jew l-offerti mibgħuta minn kumpaniji jew individwi bi tweġiba għall-proċeduri ta’ akkwist imnedija mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, kif ukoll għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti sussegwenti.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li:

(a) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

(b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih hu soġġett il-kontrollur;

(c) l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data hu parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

kif ukoll

(d) is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu jew tagħha għal fini speċifiku wieħed jew aktar.

Bażi legali għall-ipproċessar:

  • Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni;
  • Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw?

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar l-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

  • L-isem, il-kunjom, l-indirizz tal-email, l-indirizz tax-xogħol u n-numru tat-telefown tal-istaff responsabbli f’kumpanija/espert li qed jagħmel is-sejħa għall-offerti.
  • Skont it-tip ta’ servizzi mixtieqa, id-data tista’ tinkludi d-data personali li ġejja tal-istaff jew tas-subkuntratturi tagħhom:
  • L-isem u l-kunjom, in-nazzjonalità, il-lingwi mitkellma, l-edukazzjoni, iċ-ċertifikazzjonijiet, is-snin u t-tip ta’ għarfien u esperjenza professjonali.

Il-provvediment ta’ data personali hu obbligatorju biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti statutorji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju. Jekk ma tipprovdix id-data personali tiegħek, il-konsegwenzi possibbli huma li ma tistax tipparteċipa fil-proċeduri ta’ akkwist.

5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

L-unità D.2, “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop tal-ġbir jew ta’ aktar ipproċessar, jiġifieri għal 5 snin fil-każ ta’ offerenti li ma ntgħażlux, u fil-każ ta’ offerenti rebbieħa 10 snin mill-aħħar pagament magħmul skont il-kuntratt.

6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, settijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) tinħażen fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa li jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

Riċevituri interni tad-data:

Staff tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u f’xi każijiet ta’ istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji oħrajn tal-UE li għalihom l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet hu provveditur ta’ servizz; f’xi każijiet, is-servizzi ta’ awditjar intern tal-UE.

Riċevituri esterni tad-data:

F’xi każijiet, esperti esterni u kuntratturi li jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tal-offerti; staff tal-kuntrattur li jeħtieġ li jkollu aċċess għad-data personali għall-eżekuzzjoni, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-kuntratt.

L-għoti ta’ offerti hu ppubblikat fuq Tenders European Daily (Suppliment S ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea).

L-informazzjoni li niġbru mhi se tingħata lil ebda parti terza, ħlief sal-punt u għall-iskop li jista’ jkun hemm bżonn li nagħmlu hekk bil-liġi.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Jekk ikun japplika, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li jitwettaq legalment skont l-Artikolu 5(1)(a).

Inti tajt il-kunsens tiegħek biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-operazzjoni preżenti tal-ipproċessar. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-Referenza/i tar-rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

  • Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-unità D.2 “Kuntratti u Drittijiet tal-Awtur”, tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

  • L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD)

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

  • Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00496 .