Publications Office of the EU
Removal of personal data - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
Dockbar
Avviż legali - tneħħija ta’ data personali

Stqarrija ta’ privatezza dwar il-protezzjoni tad-data personali tiegħek

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Trattament ta’ Talbiet għat-Tneħħija ta’ data personali mis-siti web u mill-pubblikazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

Kontrollur tad-Data: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet unità 01, “Strateġija, governanza u kontroll intern”

Referenza tar-Rekord: DPR-EC-00295

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek
  4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw aktar?
  5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
  6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
  7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
  8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
  9. Informazzjoni ta’ kuntatt
  10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Hija tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni relatata mal-operazzjoni tal-ipproċessar Trattament ta’ Talbiet għat-Tneħħija ta’ data personali mis-siti web u mill-pubblikazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-unità 01 “Strateġija, governanza u kontroll intern” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hija ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex niġbru, inżommu u nipproċessaw id-data tiegħek?

L-għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar: L-unità 01, “Strateġija, governanza u kontroll intern” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor u tuża l-informazzjoni personali tiegħek biex tipproċessa kwalunkwe talba għall-anonimizzazzjoni li inti tista’ tindirizza direttament jew indirettament lill-Uffiċċju.

Id-data tiegħek tintuża biex tikkonsulta mas-servizzi interni u/jew esterni rilevanti biex titwettaq bis-sħiħ l-anonimizzazzjoni. Id-data tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, minħabba li:

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni;

- l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa suġġett, jiġifieri li jippermettilek, bħala s-suġġett tad-data, teżerċita drittijietek;

kif ukoll

- inti, bħala s-suġġett tad-data, tkun tajt il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

Bażi ġuridika addizzjonali għall-ipproċessar: il-mandat tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, id-Deċiżjoni 2009/496/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

4. Liema data personali niġbru u nkomplu nipproċessaw

Biex inwettqu din l-operazzjoni tal-ipproċessar l-unità 01, “Strateġija, governanza u kontroll intern” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tiġbor kwalunkwe data li tipprovdilna u li hija soġġetta għat-talba tiegħek għall-anonimizzazzjoni. Tipikament din l-informazzjoni hi:

indirizz tal-email

isem u kunjom

Barra dan, kwalunkwe data personali oħra li tista’ tinsab fil-pubblikazzjoni jew fil-paġna web.

5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

L-Unità 01 “Strateġija, governanza u kontroll intern” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-ġbir jew l-ipproċessar ulterjuri, jiġifieri biex tiġi implimentata t-talba tiegħek. Wara dan, id-data personali tiegħek tinżamm għal 5 snin f’każ ta’ mistoqsijiet jew verifiki oħra. Id-data tiegħek tintuża b’mod anonimu biex tinġabar l-istatistika.

6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet tad-data, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-kuntrattur(i) tagħha. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kull operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, kif ukoll bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jitnisslu mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

F’każijiet eċċezzjonali l-anonimizzazzjoni tad-data personali tiegħek tista’ tinvolvi kuntrattur.

L-informazzjoni li niġbru mhux se tingħata lil xi parti terza, ħlief sal-limitu u għall-fini li nistgħu nkunu meħtieġa nagħmlu dan bil-liġi.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa, tikkoreġi jew tħassar id-data personali tiegħek u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, li titwettaq skont l-Artikolu 5(1)(a).

Billi tibgħat it-talba tiegħek inti tagħti l-kunsens tiegħek biex tipprovdi d-data personali tiegħek lill-Unità 01 “Strateġija, governanza u kontroll intern” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għall-operazzjoni tal-ipproċessar preżenti. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, fit-talba tiegħek ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-reġistrazzjoni tagħhom kif speċifikat fl-Intestatura 10 hawn taħt).

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

- Il-Kontrollur tad-Data:

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-unità 01 “Strateġija, governanza u kontroll intern” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ( info@publications.europa.eu).

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?

L-uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u notifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-referenza tar-reġistrazzjoni li ġejja: DPR-EC-00295.