Publications Office of the EU
Legal notices: Virtual assistant, the explainability notice - Dwar l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet
Dockbar
Avviż ta’ Spjegabbiltà

Assistent virtwali : Avviż ta’ Spjegabbiltà

Publio – Assistent intelliġenti tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (Portal OP)

L-aħħar aġġornament: 16/05/2023

Publio, l-assistent intelliġenti tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (il-Portal OP), huwa għodda tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) li tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi u twettaq tfittxijiet billi tuża kliem ewlieni u tiddependi fuq l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fil-Portal OP.
Dan l-Avviż ta’ Spjegabbiltà jipprovdi informazzjoni lill-utenti dwar il-qafas regolatorju dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-prinċipji li jirregolaw il-funzjonament ta’ Publio f’dan il-kuntest. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huwa impenjat favur it-trasparenza u IA affidabbli u spjegabbli.

Trasparenza fir-rigward tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) - prinċipji ġenerali

It-trasparenza u l-ftuħ fl-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma ċentrali għall-governanza tajba u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, kif stabbilit fl-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi li:

“1. Sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tistabbilixxi fl-Artikolu 41 tagħha (id-dritt għal amministrazzjoni tajba) l-obbligu tal-amministrazzjoni li tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

Id-dokument Linji Gwida dwar l-Etika għal IA Affidabbli (Appendiċi 1), serje ta’ linji gwida mħejjija fl-2019 mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, jelenka t-trasparenza bħala wieħed mis-seba’ rekwiżiti (Appendiċi 2) li s-sistemi tal-IA għandhom jissodisfaw. Dawn il-Linji Gwida jipprevedu wkoll li t-trasparenza hija komponent tal-prinċipju tal-ispjegabbiltà li jirrikjedi li s-settijiet tad-data u l-proċessi tekniċi involuti jkunu trasparenti, u li l-kapaċitajiet u l-iskop tas-sistemi tal-IA jiġu kkomunikati b’mod miftuħ. Għalhekk, is-settijiet tad-data u l-proċessi tekniċi jridu jkunu dokumentati, traċċabbli, spjegabbli u interpretabbli.

Il-prinċipji elenkati hawn fuq għandhom jiġu applikati għall-iżvilupp, l-iskjerament, u l-użu ta’ soluzzjonijiet u għodod ibbażati fuq l-IA mill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Abbażi ta’ dawn il-prinċipji ġenerali, meta n-nies jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA, iridu jiġu infurmati minn qabel li dan huwa l-każ. Dan jippermetti lill-utenti jagħmlu għażla infurmata biex ikomplu l-interazzjoni jew jieqfu jużaw l-għodda.

F’konformità mar-regoli dwar it-trasparenza, l-utenti jridu jingħataw ukoll l-informazzjoni meħtieġa li tgħinhom jinterpretaw l-output tas-sistema u jużaw dak l-output b’mod xieraq.

IA affidabbli u spjegabbli

IA affidabbli u spjegabbli huma objettivi ewlenin għall-UE. L-UE qed taħdem fuq qafas regolatorju għall-IA. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ April 2021 għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (minn hawn ’il quddiem l-“Att dwar l-IA”) (Appendiċi 3) tistabbilixxi żewġ tipi ewlenin ta’ impenji min-naħa tal-fornituri ta’ soluzzjonijiet u għodod ibbażati fuq l-IA – it-trasparenza u l-għoti ta’ informazzjoni.

L-utenti tas-sistemi tal-IA għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni. Dak id-dritt imur flimkien mal-obbligi korrispondenti, bħall-obbligu li s-sistema tintuża f’konformità mal-istruzzjonijiet u li tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni tal-għodda tal-IA kkonċernata. Il-konformità ma’ dawn ir-regoli tirriżulta fir-responsabbiltà tal-atturi kollha involuti.

L-Att dwar l-IA propost jistipula fl-Artikolu 52 (Obbligi ta’ trasparenza għal ċerti sistemi tal-IA), li “1. Il-fornituri għandhom jiżguraw li s-sistemi tal-IA maħsubin biex jinteraġixxu ma’ persuni fiżiċi jkunu ddisinjati u żviluppati b’tali mod li l-persuni fiżiċi jiġu informati li qed jinteraġixxu ma’ sistema tal-IA, sakemm dan ma jkunx ovvju miċ-ċirkostanzi u mill-kuntest tal-użu. […] “

L-Att dwar l-IA propost isegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskji u jiddistingwi bejn l-użi tal-IA li joħolqu (i) riskju inaċċettabbli, (ii) riskju kbir, u (iii) riskju żgħir jew minimu.

Publio, l-assistent intelliġenti tal-Portal OP, jinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi u jwettaq tfittxijiet billi juża kliem ewlieni li jiddependi fuq l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fil-Portal OP. Dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata abbażi tal-prinċipju tat-trasparenza li fuqu huma bbażati l-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. L-assistent intelliġenti ma jiġġenerax kontenut ġdid, u lanqas ma jimmanipula, jew jinfluwenza l-għażliet magħmula mill-utenti, lil hinn mill-proposta tal-għażliet tal-iffiltrar possibbli għat-tfittxija tal-utenti. Għalhekk, Publio għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “riskju baxx” (iii) kif definit fl-abbozz tal-Att dwar l-IA.

L-abbozz tal-Att dwar l-IA jistipula fit-Titolu IV (Trasparenza) li d-disinn u l-funzjonament tas-sistemi tal-IA jeħtieġ li jqisu r-riskji speċifiċi li dawn jistgħu joħolqu ta’ 1) manipulazzjoni permezz ta’ tekniki subliminali, jiġifieri tekniki li l-utenti ma jkunux konxji tagħhom, jew 2) sfruttament ta’ gruppi vulnerabbli li x’aktarx jikkawżaw ħsara psikoloġika jew fiżika. Japplikaw obbligi tat-trasparenza aktar stretti għas-sistemi li (i) jinteraġixxu mal-bnedmin, (ii) jintużaw biex jiġu identifikati emozzjonijiet jew biex tiġi determinata assoċjazzjoni ma’ kategoriji (soċjali) abbażi ta’ data bijometrika, jew (iii) jiġġeneraw jew jimmanipulaw xi kontenut (“deep fakes”). Filwaqt li Publio jinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi, l-assistent intelliġenti mhuwiex imfassal biex jidentifika emozzjonijiet bl-għan li jimmanipula u lanqas ma fih xi element li jista’ jwassal b’mod involontarju għal eżitu bħal dan. Għalhekk, Publio ma jaqbilx mal-kriterji msemmija hawn fuq.

L-IA u r-responsabbiltà

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Att dwar l-IA ġiet ikkomplementata fit-28 ta’ Settembru 2022 minn proposta għal reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-IA – id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Intelliġenza Artifiċjali (Appendiċi 4) (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-IA), wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata skont l-Artikolu 225 tat-TFUE (Appendiċi 5).

Kif stabbilit fid-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA proposta, ir-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà, ibbażati fuq il-ħtija, mhumiex adattati biex jindirizzaw it-talbiet dwar responsabbiltà għad-danni kkawżati minn prodotti u servizzi bbażati fuq l-IA. Skont ir-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà, il-vittmi jridu jagħtu prova li tkun seħħet azzjoni ħażina jew ommissjoni, jidentifikaw il-persuna li tkun ikkawżat id-dannu, u jistabbilixxu rabta kawżali. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-IA, inklużi l-kumplessità, l-awtonomija u l-opaċità tagħha (l-hekk imsejjaħ effett “black box”), jagħmluha diffiċli li tiġi identifikata l-persuna responsabbli għad-dannu li jirriżulta mill-użu tal-IA. Il-vittmi li jsofru dannu bħal dan jistgħu għalhekk jiġu skoraġġuti milli jitolbu kumpens. Minħabba n-natura tal-kwistjoni tal-oneru tal-provi, id-Direttiva proposta dwar ir-Responsabbiltà għall-IA tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi billi tiffaċilita r-rekwiżiti deskritti hawn fuq permezz tal-użu ta’ divulgazzjonijiet u preżunzjonijiet konfutabbli ta’ nuqqas ta’ konformità.

Id-Direttiva proposta dwar ir-Responsabbiltà għall-IA tipprovdi mezzi effettivi biex jiġu identifikati l-persuni potenzjalment responsabbli u l-evidenza rilevanti. Din tiddikjara pereżempju li qorti nazzjonali tista’ tordna d-divulgazzjoni ta’ evidenza rilevanti (u l-preservazzjoni tagħha) dwar sistemi speċifiċi tal-IA b’riskju kbir li huma suspettati li kkawżaw ħsara (Appendiċi 6). Barra minn hekk, soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva proposta, il-qrati nazzjonali għandhom jippreżumu [...] ir-rabta kawżali bejn il-ħtija tal-konvenut u l-output prodott mis-sistema tal-IA (jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output).

Kif ġie konkluż fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta għal Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA, “tali regoli effettivi dwar ir-responsabbiltà ċivili għandhom il-vantaġġ addizzjonali li jagħtu lil dawk kollha involuti f’attivitajiet relatati mas-sistemi tal-IA inċentiv addizzjonali biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-imġiba mistennija tagħhom”.

Dwar Publio

Termini u definizzjonijiet

Terminu Definizzjoni
Tabelli ta’ awtorità It-tabelli ta’ awtorità (magħrufin wkoll bħala Named Authority Lists jew NALs) jintużaw biex jarmonizzaw u jistandardizzaw il-kodiċijiet u t-tikketti assoċjati użati f’diversi ambjenti (pjattaformi, sistemi u applikazzjonijiet tal-web) u biex jiffaċilitaw l-iskambji tad-data bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, pereżempju fil-kuntest tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Eżempji ta’ tabelli ta’ awtorità bħal dawn huma listi kkodifikati ta’ lingwi, pajjiżi, korpi korporattivi...
Chatbot Chatbot huwa sistema ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) imfassla biex tissimula l-konverżazzjoni umana u tinteraġixxi mal-utenti permezz ta’ test jew diskors. Juża tekniki ta’ pproċessar tal-lingwa naturali (NLP) biex jifhem u jirrispondi għall-inputs tal-utenti, jipprovdi assistenza u informazzjoni awtomatizzati, jew iwettaq kompiti speċifiċi bbażati fuq regoli jew algoritmi predefiniti. Iċ-chatbots jintużaw b’mod komuni f’diversi applikazzjonijiet, bħal appoġġ għall-klijenti, assistenti virtwali, u pjattaformi ta’ messaġġi online, biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u jipprovdu tweġibiet istantanji għall-mistoqsijiet tal-utenti.
IA konverżazzjonali L-IA konverżazzjonali hija forma ta’ intelliġenza artifiċjali li tiffaċilita l-konverżazzjoni f’ħin reali simili għall-bniedem bejn bniedem u kompjuter.
Fluss konverżazzjonali It-terminu “fluss konverżazzjonali” jirreferi għall-progress bla xkiel u loġiku ta’ konverżazzjoni (vjaġġ tal-utent) bejn iċ-chatbot u l-utent. Dan jirreferi għall-mod li bih chatbot jifhem l-intenzjoni tal-utent, jipprovdi tweġibiet xierqa, u jmexxi l-konverżazzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet jew l-iskop iddikjarat tal-utent.
Entità Użat f’dan il-kuntest, it-terminu “entità” jirrappreżenta biċċa informazzjoni li tista’ tiġi estratta mill-input tal-utent li hija rilevanti għall-iskop tal-utent, jiġifieri li tippermetti li wieħed jifhem x’inhu l-iskop tal-utent. Dawn il-biċċiet ta’ informazzjoni se jiġu identifikati u maħżuna biex tinsilet eżattament dik l-informazzjoni li l-utent ikun qed ifittex. Eżempju ta’ entità jista’ jkun l-awtur ta’ artiklu speċifiku.
Vokabularji tal-UE jew EuroVoc Il-Eurovoc (Vokabularji tal-UE) huwa sett speċifiku ta’ tabelli tal-awtorità multilingwi u multidixxiplinarji mmaniġġjati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet li jkopru l-attivitajiet tal-UE. Fih termini bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, flimkien ma’ tliet lingwi ta’ pajjiżi li huma kandidati għall-adeżjoni mal-UE: l-Albaniż, il-Maċedonjan u s-Serb.
Intenzjoni Użat f’dan il-kuntest, it-terminu “intenzjoni” jirreferi għall-objettiv li l-utent għandu f’moħħu meta jittajpja jew ilissen mistoqsija jew kumment (mistoqsija). Intenzjoni tirrappreżenta idea jew kunċett li jista’ jkun inkluż f’messaġġ (espressjoni) indirizzat mill-utent. Eżempju ta’ intenzjoni huwa l-fatt li l-utent irid ifittex suġġett speċifiku, għal pubblikazzjoni speċifika jew għal persuna.
Mudell lingwistiku Mudell lingwistiku huwa tip ta’ programm tal-intelliġenza artifiċjali (IA) li huwa mfassal biex janalizza u jifhem lingwa naturali. Juża tekniki statistiċi u probabilistiċi biex ibassar liema kliem jew frażijiet x’aktarx li jmiss f’sentenza jew sekwenza ta’ test partikolari. Fi kliem ieħor, mudell lingwistiku huwa għodda li tista’ tintuża biex jiġu ġġenerati jew ikkompletati sentenzi bbażati fuq il-kuntest u l-kontenut tal-input.
Fehim tal-Lingwa (LUIS) Servizz tal-IA konverżazzjonali bbażat fuq il-cloud li japplika intelliġenza ta’ apprendiment awtomatiku personalizzat għal test konverżazzjonali u ta’ lingwa naturali tal-utent biex jipprevedi t-tifsira ġenerali, u jislet informazzjoni rilevanti u dettaljata.
Apprendiment awtomatiku (ML) L-apprendiment awtomatiku (ML) huwa tip ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) li jippermetti li l-applikazzjonijiet tas-software “jitgħallmu” minn prattika u feedback tal-passat u b’hekk isiru aktar preċiżi fit-tbassir tal-eżiti mingħajr ma jkunu pprogrammati b’mod espliċitu biex jagħmlu dan.
Proċessar ta’ Lingwa Naturali (NLP) L-Ipproċessar ta’ Lingwa Naturali (NLP) huwa qasam tal-intelliġenza artifiċjali (IA) li jippermetti lill-kompjuters janalizzaw u jifhmu l-lingwa umana, kemm miktuba kif ukoll imlissna.
Vjaġġ tat-tfittxija It-terminu “vjaġġ tat-tfittxija” jirreferi għas-sekwenza tal-interazzjonijiet li utent jgħaddi minnha meta jkun qed ifittex informazzjoni speċifika. Huwa l-proċess li l-utent jiġi ggwidat permezz ta’ sensiela ta’ mistoqsijiet u tweġibiet biex jidentifika u jissodisfa l-intenzjoni ta’ tfittxija tiegħu. Il-vjaġġ tat-tfittxija f’chatbot jinvolvi l-fehim tat-tfittxija tal-utent, l-irkupru tal-informazzjoni rilevanti minn bażi ta’ data jew bażi ta’ għarfien, u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-utent b’mod li jkun faċli biex tinftiehem u rilevanti għall-ħtiġijiet tal-utent.
Vjaġġ tal-utent L-esperjenza ta’ persuna matul sessjoni waħda tal-użu ta’ sit web jew applikazzjoni, li tikkonsisti fis-serje ta’ azzjonijiet imwettqa biex jintlaħaq għan partikolari f’dak is-sit web jew applikazzjoni.
Espressjoni Input mill-utent li jista’ jkun kwalunkwe messaġġ ittajpjat jew imlissen f’konverżazzjoni. Espressjoni waħda tista’ tikkonsisti f’kelma waħda jew kliem multiplu bħal mistoqsija jew frażi.

X’inhu Publio?

Publio, l-assistent intelliġenti tal-Portal tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (il-Portal OP), huwa għodda tal-IA li tinteraġixxi ma’ persuni fiżiċi u twettaq tfittxijiet billi tuża kliem ewlieni u tiddependi fuq l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq il-Portal OP. Publio jgħaqqad tekniki ta’ Intelliġenza Artifiċjali (IA) konverżazzjonali bħall-ipproċessar tal-lingwi naturali (NLP) u l-apprendiment awtomatiku (ML) ma’ rikonoxximent tal-vuċi interattiv u sistemi ta’ tfittxija tradizzjonali biex jgħin lill-utenti jsibu pubblikazzjonijiet tal-UE, leġiżlazzjoni tal-UE u persuni ta’ kuntatt fl-Istituzzjonijiet Ewropej.

L-assistent intelliġenti jippermetti speċifikament konverżazzjonijiet imlissna jew ittajpjati bejn l-utenti finali u l-Portal OP. L-assistent intelliġenti bħalissa huwa disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol. Filwaqt li jista’ jintuża minn kulħadd, l-assistent intelliġenti jipprovdi wkoll soluzzjoni personalizzata għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà fil-qari, biex b’hekk tiżdied l-aċċessibbiltà. Dan jippermetti wkoll tfittxija konverżazzjonali li huwa mod ġdid ta’ tfittxija li jippermetti lill-utenti jlissnu sentenzi sħaħ – bħalma kieku jagħmlu f’konverżazzjoni normali – ma’ assistent bil-vuċi li jaħdem bl-IA li jagħti t-tweġibiet, bl-iskambju bejn l-utent u l-assistent intelliġenti jieħu l-forma ta’ konverżazzjoni.

Liema tip ta’ data juża Publio?

Publio juża l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fil-Portal OP. Dik l-informazzjoni tiġi ppubblikata abbażi tal-prinċipju tat-trasparenza applikabbli għall-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE. Abbażi ta’ dak il-corpus, Publio juża klassifikazzjonijiet u kategoriji disponibbli fil-Portal OP bħal suġġetti, awturi jew format tal-Eurovoc biex jiggwidaw u jirfinaw il-konverżazzjoni biex jgħinu lill-utent ifittex fit-tliet ġabriet ewlenin tal-Portal OP: il-pubblikazzjonijiet tal-UE, il-liġi tal-UE u d-direttorju uffiċjali tal-UE (EU Whoiswho).

Publio juża mudell lingwistiku eżistenti biex jifhem il-mistoqsijiet indirizzati mill-utenti u biex jiggwida lill-utenti tul il-vjaġġ ta’ tfittxija tagħhom. Abbażi tal-feedback mill-utenti, il-mudell lingwistiku ta’ Publio huwa kontinwament imtejjeb u mħarreġ aktar biex jissodisfa l-aspettattivi tal-utenti u jlaħħaq mad-diversità tal-inputs tal-utenti bit-tliet lingwi appoġġjati.

Dan it-taħriġ ikopri diversi komponenti tas-sistema sottostanti ta’ Publio:

 

  • Serje predefinita ta’ espressjonijiet assoċjati ma’ forom possibbli differenti ta’ intenzjonijiet biex Publio l-ewwel ikun jista’ jifhem l-għan finali tal-utent u t-tieni biex jiggwida lill-utent pass pass lejn l-ilħuq ta’ dak l-għan.
  • Serje predefinita ta’ mistoqsijiet fissi li Publio “jifhem” u li għalihom jista’ jipprovdi tweġiba predefinita lill-utenti. Eżempju: Kif nista’ nordna pubblikazzjoni?
  • Entitajiet ta’ apprendiment awtomatiku li jistgħu jiġu identifikati minn Publio u użati fil-proċessi ta’ sfond ta’ Publio biex jidentifikaw il-parametri ta’ tfittxija, jipprovdu riżultati ta’ tfittxija aktar preċiżi jew opzjonijiet biex ikomplu jirfinaw it-tfittxija. Dawn l-entitajiet huma bbażati fuq il-klassifikazzjoni u l-kategoriji ta’ data eżistenti bħat-teżawri tal-Eurovoc jew tabelli ta’ awtorità oħra mmaniġġjati mill-EuroVoc: awturi, formati, lingwi, korpi tal-UE (organizzazzjonijiet), rwoli funzjonali fis-servizz pubbliku tal-UE, eċċ. Fuq dik il-bażi, Publio jista’ pereżempju, jifhem mill-mistoqsija tal-utent li l-utent qed ifittex pubblikazzjoni b’suġġett speċifiku jew minn awtur speċifiku.

Kif jaħdem Publio?

Publio jiddependi fuq il-Fehim Lingwistiku tal-Microsoft (LUIS) (Appendiċi 7) biex jipproċessa l-input tal-utent (kliem miktub jew imlissna), biex jifhem l-intenzjoni tal-utent u biex jidentifika l-elementi ewlenin (l-entitajiet) li l-utent huwa interessat fihom. Abbażi tal-intenzjoni rikonoxxuta, Publio jagħti bidu għal fluss konverżazzjonali mfassal apposta bl-għan li jappoġġja lill-utenti biex jaslu għar-riżultat immirat fi ftit passi sempliċi.

Bħalissa, Publio jimplimenta 4 flussi konverżazzjonali ewlenin:

  • Fluss ta’ tfittxija ta’ dokumenti biex jgħin lill-utenti jfittxu Pubblikazzjonijiet tal-UE jew dokumenti Legali tal-UE
  • Fluss ta’ tfittxija ta’ persuna biex jgħin lill-utenti jfittxu impjegati pubbliċi impjegati mill-Istituzzjonijiet tal-UE
  • Fluss ta’ tfittxija ta’ organizzazzjoni biex jgħin lill-utenti jfittxu korpi (organizzazzjonijiet) tal-UE
  • Fluss ta’ Mistoqsija u Tweġiba (QnA) biex jitwieġbu mistoqsijiet frekwenti bi tweġiba predefinita.

Jekk jiġi rikonoxxut fluss ta’ “tfittxija”, l-assistent virtwali jiggwida lill-utent fit-tfittxija ta’ dokument, persuna jew organizzazzjoni rilevanti billi jistaqsi mistoqsijiet sempliċi lill-utent u, abbażi tat-tweġiba tal-utent, jipproponi għażliet tal-iffiltrar.

Għall-fluss tal-QnA, l-istaff fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżomm lista ta’ pari b’mistoqsijiet frekwenti u t-tweġibiet predefiniti tagħhom. F’każ li tiġi rikonoxxuta l-intenzjoni tal-QnA u jkun hemm livell għoli ta’ similarità bejn il-mistoqsija speċifika mill-utent u waħda mill-mistoqsijiet maħżuna fis-sistema, tingħata tweġiba xierqa direttament lill-utent. Pereżempju,

- jekk l-intenzjoni tal-QnA tiġi rikonoxxuta b’mistoqsija bħal “Fejn hi l-ordni tiegħi?”, l-assistent se jwieġeb “Tista’ tiċċekkja l-istatus tal-ordni tiegħek fit-taqsima L-ordni tiegħi fil-profil tiegħek.”

- jekk l-intenzjoni tal-QnA tiġi rikonoxxuta b’mistoqsija bħal “Fejn nista’ nsib dokumenti għat-tfal”, l-assistent iwieġeb “Il-pubblikazzjonijiet għat-tfal huma disponibbli fir-Rokna tat-tfal”.

L-utenti jistgħu jistaqsu mistoqsijiet miktuba jew imlissna. Iċ-chatbot jirreġistra l-input audio (il-mistoqsijiet imlissna tal-utent) u jibagħtu lil magna ta’ rikonoxximent tad-diskors li tikkonverti d-diskors f’test. L-input audio jiġi pproċessat minn Microsoft Azure Speech għas-servizz testwali (Appendiċi 8). Publio mbagħad juri l-input audio, bil-kliem interpretat mill-magna ta’ rikonoxximent tad-diskors, qabel ma juri t-tweġiba kemm bil-miktub kif ukoll permezz ta’ kliem imlissen b’vuċi sintetizzata. Dan l-iskambju huwa istantanju (jiġri minnufih) u effimeru (ma jħalli l-ebda traċċa).

 

Publio, kif janalizza l-mistoqsija u jipproponi r-riżultati?

Publio ma jużax teknoloġija ġenerattiva għalhekk mhuwiex f’pożizzjoni li jiġġenera jew jimmanipula l-kontenut tal-utent.

Publio juża mudell lingwistiku ta’ apprendiment awtomatiku li huwa mħarreġ (mudell lingwistiku mħarreġ) biex jitgħallem kif jagħraf u jirrispondi għall-inputs tal-utenti. Dan il-mudell huwa responsabbli biex jipproċessa l-messaġġ jew il-mistoqsija tal-utent, jidentifika l-intenzjoni tal-messaġġ, u jipprovdi tweġiba xierqa. Il-proċess ta’ taħriġ ta’ Publio jinvolvi li l-mudell ta’ apprendiment awtomatiku jiġi pprovdut b’ammont kbir ta’ data ta’ taħriġ ittikkettata li tinkludi eżempji ta’ inputs tal-utenti u l-intenzjonijiet korrispondenti tagħhom u t-tweġibiet plawżibbli.

Publio juża l-Ipproċessar tal-Lingwa Naturali u l-mudell lingwistiku mħarreġ biex jifhem l-intenzjoni tal-utent u biex jislet mill-mistoqsija tal-utent l-entitajiet rikonoxxuti (pereżempju terminu ta’ tfittxija, suġġett, awtur, data tad-dokument, format tad-dokument). Publio qed juża dawn l-entitajiet biex iwettaq it-tfittxija u biex juri r-riżultat tat-tfittxija.





Jekk ir-riżultat tat-tfittxija jkun wiesa’ wisq, Publio jkompli l-konverżazzjoni billi jistaqsi mistoqsijiet addizzjonali lill-utent biex inaqqas ir-riżultat tat-tfittxija billi jiffiltra fuq entitajiet oħra.

Il-mistoqsijiet ifformulati minn Publio huma limitati għall-identifikazzjoni tal-intenzjoni tal-utent, biex jaqbad l-iskop tiegħu u jifformula t-tfittxija t-tajba fil-corpus tal-kontenut ippubblikat fil-Portal OP. Ir-riżultati proposti minn Publio jiġu kompletament minn dan il-corpus.

Feedback tal-Utent



Fi kwalunkwe ħin matul il-konverżazzjoni, l-utent finali jista’ jipprovdi feedback pożittiv, newtrali jew negattiv dwar l-esperjenza tiegħu bl-użu ta’ Publio. Dan jista’ jkun feedback manwali skattat mill-utent fi kwalunkwe ħin jew b’rispons għal popup awtomatiku muri wara ftit sekondi ta’ inattività li jitlob feedback mill-utent. Barra minn hekk, il-mistoqsijiet li mhumiex “mifhuma” b’mod korrett minn Publio jiġu rreġistrati awtomatikament u pproċessati perjodikament minn tim uman ta’ staff fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Kemm il-feedback tal-utenti kif ukoll l-analiżi tal-mistoqsijiet li ma kinux “mifhuma” kif suppost minn Publio jintużaw biex jitħarreġ mill-ġdid il-mudell lingwistiku bl-għan li s-servizzi pprovduti lill-utenti finali jkomplu jittejbu b’mod kontinwu.

 

Ipproċessar ta’ data privata

Id-data disponibbli fil-Portal OP tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-Regolament dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE (Appendiċi 9).

Publio ma jaħżen, iżomm jew jarkivja l-ebda element, la l-input tal-utent u lanqas dak ipprovdut permezz tat-tweġibiet ta’ Publio.

Il-feedback miġbur jiġi anonimizzat b’tali mod li ma jippermettix li l-feedback jiġi konness lura mal-utent li mingħandu jkun inġabar.

Ma tintuża l-ebda data personali għat-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, għat-traċċar jew għat-tfassil ta’ profili b’xi mod possibbli.

Limitazzjonijiet fil-mument attwali

  • Traskrizzjoni tal-ismijiet bl-użu tal-vuċi: filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-ismijiet huma “mifhuma” u traskritti b’mod korrett, l-estrazzjoni tal-isem hija bbażata fuq l-Apprendiment Awtomatiku u mhijiex 100% preċiża. Minħabba l-limitazzjonijiet tal-LUIS, xi ismijiet ma jiġux estratti b’mod xieraq anki wara t-taħriġ tal-mudell bl-eżempji speċifiċi mis-sett tad-data.
  • Dati bil-Franċiż u bl-Ispanjol: il-“fehim” tad-dati huwa inqas preċiż bl-Ispanjol u bil-Franċiż f’kuntesti aktar kumplessi. Pereżempju, is-sena se tiġi rikonoxxuta bl-Ispanjol bl-użu ta’ “entre 2016 y 2017” mingħajr kuntest addizzjonali filwaqt li mhux se tiġi rikonoxxuta bl-użu ta’ “entre el año 2019 y 2020”. Bl-Ingliż “2 years ago” hi rikonoxxuta filwaqt li bil-Franċiż “il y a 2 ans” mhijiex.
  • Ir-rikonoxximent tad-diskors jaħdem biss b’lingwa waħda kull darba.
  • Ir-rikonoxximent tad-diskors m'għandux mod ortografiku, li jfisser li m'għandux karatteristika li tippermetti lill-utenti jispellu l-kliem ittra ittra sabiex tiġi żgurata traskrizzjoni preċiża.
  • Ir-rikonoxximent tal-isem tal-entità ma jaħdimx tajjeb fi frażijiet akbar meta kkumbinat ma’ “Mrs”/“Miss”.

 

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 16 ta’ Mejju 2023

1 Disponibbli fuq https://ec.europa.eu/futurium/en/ai-alliance-consultation.1.html

2 Is-seba’ rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn IA affidabbli huma: 1) inizjattiva u sorveljanza umana; 2) robustezza teknika u sikurezza tas-software; 3) privatezza u governanza tajba tad-data; 4) trasparenza; 5) diversità, nondiskriminazzjoni u ekwità; 6) benesseri soċjetali u ambjentali; 7) rendikont u responsabbiltà.

3 Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (ATT DWAR L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni, COM(2021) 206 final, Brussell, 21.4.2021; id-dokument bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

4 Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali (“Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA”), Brussell, 28.9.2022 COM (2022) 496 final.

5 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (2020/2014(INL)).

6 Ara l-Artikolu 3.

7 https://www.luis.ai/

8 https://query.prod.cms.rt.microsoft.com/cms/api/am/binary/RE5cCGB

9 Ir-Regolament (UE) 2016/679, ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88 u r-Regolament (UE) 2018/1725, ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98.